Total Pageviews

Tuesday, March 8, 2011

Il-Karnival u l-Malti

Nhar il-Ħadd li għadda fil-Quddiesa tal-10.30 ħadt gost li l-qassis fl-introduzzjoni tiegħu ta merħba lil dawk il-Maltin li kienu fostna. Fil-verita’ l-lejl ta’ qabel kont gergirt f’qalbi li ma sibtx fejn nipparkja minħabba l-influs tal-Maltin f’ farmhouses fit-triq tagħna.

Il-Karnival huwa magħruf ħafna fost il-Maltin u jiġbed “turiżmu ntern” lejn Għawdex. No pain no gain hekk għaddieli minn moħħi matul dan il-weekend. Naħseb li anke ekonomikament Għawdex igawdi grazzi għall-Maltin pero Għawdex irid jerfa wkoll s-salib li jġibu magħhom il-Maltin, aktar karozzi fit-toroq, aktar storbju, anqas postijiet fejn nipparkjaw u mitt ħaġa oħra.  Issib Maltin li għaliex qegħdin Għawdex jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu. Mhux il-Maltin kollha għalhekk għedt “Issib Maltin”. Mill-banda l-oħra ssib Għawdxin li japprofittaw mill-maltin f’dan il-perjodu, u lanqas huma l-Għawdxin kollha.

Naħseb hawn irridu  insibu bilanċ. Irridu ngħidu l-iswed iswed u l-abjad abjad. Hija verita’ li għal Għawdex il-Malti huwa mportanti u li l-Malti jsib f’ Għawdex dak li ma jsibx f’ Malta.

Friday, March 4, 2011

L-Ungerija, l-volontarjat u Café Jubilee

Qajjimni l-ħoss tat-telephone jgħidli li sar il-ħin għall-qawmien. Qomt niġri għax għamilt lejl bil-ħsieb iberren f’ moħħi li ħa nqum tard.  Xrift mallewwel fit-tieqa.  Xtaqt nara jekk il-borra li laqgħatni malli wasalt l-Ungerija ħallietx effett.  Ir-reazzjoni kienet Wow… taħti kollu abjad, ħassejtni f’kartolina!

Il-lejl ta’qabel sħabi ġejjin minn pajjiżi oħra tal-Ewropa kemm kemm ma daħqux bija, jarawni qisni tifel żgħir niġri fuq il-borra li għadha kemm niżlet u taħt il-borra li kien għadha nieżla. Għalina l-borra hija xi ħaġa li ma narawha qatt f’pajjiżna. 

L-ungerija huwa post li ma żort qatt, ma tantx għandi ċans nara ħafna minnu pero l-fatt li qiegħed f’dan il-pajjiż li kont skoprejt bl-aħbarijiet waqt il-protesti kontra r-reġim kommunista jew permezz ta’ film “Il-Prinċipessa Sisi” inħoss xi ħaġa tigbidni lejh.  Malli ħriġt mill-airport ftakart f’ Carmen u Patrick żewġ ħbieb tiegħi li tlettax-il sena ilu għamlu l-qamar il-għasel tagħhom fil-belt kapiltali ta’ dan il-pajjiż. Illum ir-realta’ ta’ dan il-pajjiż hija ħafna differenti milli kienu fissruli Carmen u Patrick. Carmen kienet qalet li tant kien xokk għaliha li l-ewwel lejl bkiet. Jidher li s-sitwazzjoni inbidlet anke minħabba l-fatt li dan il-pajjiż illum jifforma parti mill-Ewropa.
Qed hawn biex nattendi seminar dwar is-sena Ewropea tal-volontarjat, organizzata mill-Group Popolari Ewropew. Filgħodu smajna ħafna fuq dan is-suġġett. Fl-opinjoni tiegħi l-volontarjat huwa mportanti ħafna. Jien u ħafna bħali ġejjin minn irħula f’ Għawdex il-volontarjat huwa parti mill-ħajja tagħna. Il-volontarjat huwa parti mit-tessut tal-ħajja soċjali tagħna. Jekk int attur int voluntier;  jekk int sportiv, int voluntier; jekk taħdem fil-knisja int voluntier; jekk taħdem fil-politika int voluntier;   nistgħu ngħidu li dak kollu li nagħmlu li mhux ix-xogħol huwa volontarjat. Għamilt mistqosija… X’futur għandu l-volontarjat fl-Ewropa?  Fl-opinjoni tiegħi jidher li qed jonqos anke minħabba l-fatt li qed insiru wisq burokratiċi. Nemmen ħafna fil-bilanċ, naħseb li anke hawn għandna nsibu l-bilanċ jekk ma rridux li l-volontarjat jinqered għal kollox.
Wara kważi ġurnata nisimgħu esperjenzi ta’ volontarjat iddeċidejna li tal-inqas naslu wasla saċ-ċentru ta’ Budapest, belt sabiħa ħafna, kull ma rajna rajnieħ bil-lejl, pero din il-belt offritilna esperjenza sabiħa.
 Fi triq traffikuża fil-qalba taċ-ċentru jolqtok l-isem Café Jubilee, mhux isem ġdid għalina, ma kienx lanqas ta’ xi ħadd li nzerta semmieħ hekk. Imma kien Café li jifforma parti minn katina ta’ kafejiet li telqet minn Għawdex! Prosit Alex! Vera ħassejtni kburi li jien Għawdxi. Dħalna u verament ħassejtni nappartjeni għal dak il-post. S’intendi lil dawk li jaħdmu hemm għednilhom li aħna Maltin u saqsejna għal Aldo l-persuna Għawdxija li tieħu ħsieb l-istabilment, laħaq telaq! Samuel bgħat sms lil xi ħadd minn ħut Alex, insejt minn minnhom. Jien malajr infurmajt lid-dinja li qed fil-Jubilee ta’ Budapest permezz tal-istatus tal-Facebook, il-kummenti ma naqsux. Ħadna hot chocolate u ħriġna, imxejna ftit fiċ-ċentru u kilna xi ħaġa. Malajr irritornajna lura għaliex ridna nqumu kmieni minħabba t-titjira. Qabel irqadt irċivejt telefonata mingħand Alex li qalli li ra l-istatus tiegħi li kont il-Jubilee tal-Ungerija!

Tuesday, March 1, 2011

Żmien ta’ tensjoni

Nhar is-Sibt li għadda kont qed seminar u waqt il-break kont qed nitkellem ma’ koppja Maltija li meta konna qed nitkellmu fuq dak li qed jiġri fil-Libja, qaltli x’tensjoni għaddejja minnha bintha ta’ 22 sena, minħabba dak li għaddej.

Ngħid il-verita’ kont ftit sorpriż  li din is-sitwazzjoni qed toħloq ukoll ansjeta’ f’ pajjiżna. Ma jfissirx li ma naħsibx u m’hinix inkwetat imma li żgħażugħa hija daqshekk konxja xgħelli bozza ħamra. Ippruvajt nidħol fiż-żarbun ta’ din iż-żgħażugħa u fhimt kif pajjiż daqshekk qrib jista’ jħalli effett ukoll fuq il-futur tagħna.

Pero fuq kollox naħseb li hija inkwetanti għaliex  din hija sitwazzjoni ta’ inċertezza; ma nafux x’ħa jiġri; is-sitwazzjoni tista’ tinbidel minn ħin għall-ieħor. Dan kompla joħroġ il-bieraħ waqt Bondi+ fejn il-Prim Ministru tkellem b’mod ċar dwar is-sitwazzjoni xejn sabiħa li qed jgħix il-poplu Libjan. Kif ukoll apprezzajt il-piż kbir ta’ deċiżjonijiet li għandu l-Prim Ministru f’sitwazzjoni bħal din.

Inkwetajt u inkwetajt l-aktar għall-libjani li qed jiġu mġegħla jisparaw fuq xulxin... sitwazzjoni vera tal-biża li mmbutatni biex qabel irqadt ftakart fihom fit-talb tiegħi u ħeġġiġt li ħbieb tiegħi fuq Facebook biex huma wkoll jgħidu talba għal dan il-poplu ġar tagħna.