Total Pageviews

Friday, March 4, 2011

L-Ungerija, l-volontarjat u Café Jubilee

Qajjimni l-ħoss tat-telephone jgħidli li sar il-ħin għall-qawmien. Qomt niġri għax għamilt lejl bil-ħsieb iberren f’ moħħi li ħa nqum tard.  Xrift mallewwel fit-tieqa.  Xtaqt nara jekk il-borra li laqgħatni malli wasalt l-Ungerija ħallietx effett.  Ir-reazzjoni kienet Wow… taħti kollu abjad, ħassejtni f’kartolina!

Il-lejl ta’qabel sħabi ġejjin minn pajjiżi oħra tal-Ewropa kemm kemm ma daħqux bija, jarawni qisni tifel żgħir niġri fuq il-borra li għadha kemm niżlet u taħt il-borra li kien għadha nieżla. Għalina l-borra hija xi ħaġa li ma narawha qatt f’pajjiżna. 

L-ungerija huwa post li ma żort qatt, ma tantx għandi ċans nara ħafna minnu pero l-fatt li qiegħed f’dan il-pajjiż li kont skoprejt bl-aħbarijiet waqt il-protesti kontra r-reġim kommunista jew permezz ta’ film “Il-Prinċipessa Sisi” inħoss xi ħaġa tigbidni lejh.  Malli ħriġt mill-airport ftakart f’ Carmen u Patrick żewġ ħbieb tiegħi li tlettax-il sena ilu għamlu l-qamar il-għasel tagħhom fil-belt kapiltali ta’ dan il-pajjiż. Illum ir-realta’ ta’ dan il-pajjiż hija ħafna differenti milli kienu fissruli Carmen u Patrick. Carmen kienet qalet li tant kien xokk għaliha li l-ewwel lejl bkiet. Jidher li s-sitwazzjoni inbidlet anke minħabba l-fatt li dan il-pajjiż illum jifforma parti mill-Ewropa.
Qed hawn biex nattendi seminar dwar is-sena Ewropea tal-volontarjat, organizzata mill-Group Popolari Ewropew. Filgħodu smajna ħafna fuq dan is-suġġett. Fl-opinjoni tiegħi l-volontarjat huwa mportanti ħafna. Jien u ħafna bħali ġejjin minn irħula f’ Għawdex il-volontarjat huwa parti mill-ħajja tagħna. Il-volontarjat huwa parti mit-tessut tal-ħajja soċjali tagħna. Jekk int attur int voluntier;  jekk int sportiv, int voluntier; jekk taħdem fil-knisja int voluntier; jekk taħdem fil-politika int voluntier;   nistgħu ngħidu li dak kollu li nagħmlu li mhux ix-xogħol huwa volontarjat. Għamilt mistqosija… X’futur għandu l-volontarjat fl-Ewropa?  Fl-opinjoni tiegħi jidher li qed jonqos anke minħabba l-fatt li qed insiru wisq burokratiċi. Nemmen ħafna fil-bilanċ, naħseb li anke hawn għandna nsibu l-bilanċ jekk ma rridux li l-volontarjat jinqered għal kollox.
Wara kważi ġurnata nisimgħu esperjenzi ta’ volontarjat iddeċidejna li tal-inqas naslu wasla saċ-ċentru ta’ Budapest, belt sabiħa ħafna, kull ma rajna rajnieħ bil-lejl, pero din il-belt offritilna esperjenza sabiħa.
 Fi triq traffikuża fil-qalba taċ-ċentru jolqtok l-isem Café Jubilee, mhux isem ġdid għalina, ma kienx lanqas ta’ xi ħadd li nzerta semmieħ hekk. Imma kien Café li jifforma parti minn katina ta’ kafejiet li telqet minn Għawdex! Prosit Alex! Vera ħassejtni kburi li jien Għawdxi. Dħalna u verament ħassejtni nappartjeni għal dak il-post. S’intendi lil dawk li jaħdmu hemm għednilhom li aħna Maltin u saqsejna għal Aldo l-persuna Għawdxija li tieħu ħsieb l-istabilment, laħaq telaq! Samuel bgħat sms lil xi ħadd minn ħut Alex, insejt minn minnhom. Jien malajr infurmajt lid-dinja li qed fil-Jubilee ta’ Budapest permezz tal-istatus tal-Facebook, il-kummenti ma naqsux. Ħadna hot chocolate u ħriġna, imxejna ftit fiċ-ċentru u kilna xi ħaġa. Malajr irritornajna lura għaliex ridna nqumu kmieni minħabba t-titjira. Qabel irqadt irċivejt telefonata mingħand Alex li qalli li ra l-istatus tiegħi li kont il-Jubilee tal-Ungerija!

No comments:

Post a Comment